Qafas ta' Referenza għall-Metodoloġiji Plurali (QREMP) għal-Lingwi u l-Kulturi ġewwa Malta
Din il-paġna tagħti daqqa t’għajn lejn xi progressi li saru f’Malta u l-materjal li huwa possibbli ssib bil-Malti jew bl-Ingliż.
Daqqa t’għajn lejn il-QREMP:
X’inhu? Huwa deskrizzjoni kompluta li timplimenta b’mod konkret il-kompetenzi plurilingwi u interkulturali u r-riżorsi li jistgħu jiġu żviluppati fit-tagħlim grazzi għall-metodoloġiji plurali. Għaldaqstant il-QREMP jikkontribwixxi b’mod sostanzjali biex jintlaħqu l-għanijiet edukattivi maħsuba mill-Kunsill tal-Ewropa f’dak li għandu x’jaqsam mal-lingwi u l-kulturi.
X’inhuma l-metodoloġiji plurali? Il-metodoloġiji plurali għal-lingwi u l-kulturi huma metodoloġiji didattiċi li jinvolvu l-użu ta’ bosta (jew għallinqas aktar minn waħda) lingwi u kulturi fl-istess ħin waqt il-proċess tat-tagħlim...Aktar…
Min għandu jkun jaf dwar il-QREMP? L-għalliema tas-suġġetti kollha li għandhom interess fl-edukazzjoni plurilingwi u interkulturali. Dawk li jħarrġu lill-għalliema, dawk li jieħdu deċiżjonijiet fil-kamp tal-edukazzjoni lingwistika, dawk li jfasslu l-kurrikulu u l-programmi skolastiċi kif ukoll kittieba ta’ kotba għat-tagħlim.
Il-QREMP joffri:
• Deskrizzjoni sistematika tal-kompetenzi u r-riżorsi (Tagħrif, Kapaċitajiet u Attitudnijiet) li għandhom jiġu żviluppati fi prospettiva ta’ edukazzjoni plurilingwi u interkulturali... Aktar…
• Database li tipprovdi materjal għat-tagħlim online...Aktar…
• Kitt għat-taħriġ tal-għalliema online ...Aktar…
Il-bżonn tal-QREMP f’Malta
Il-kuntest lingwistiku f’Malta huwa wieħed ta’ bilingwiżmu li jinvolvi l-Malti u l-Ingliż. Madankollu, bħalissa Malta qed tesperjenza żieda fl-għarfien tad-differenzi lingwistiċi u kulturali prinċipalment minħabba aktar mobilità fuq xogħol jew għal vaganzi. Barra minn hekk il-fenomenu tal-imigrazzjoni klandestina kabbar il-kuntatt bejn il-popolazzjoni lokali u dik barranija, b’tali mod illi f’dawn l-aħħar snin fl-iskejjel qed tiżdied id-diversità lingwistika u kulturali.
Il-Qafas ta' Referenza għall-Metodoloġiji Plurilingwi (QREMP) huwa biċċa għodda essenzjali sabiex jinħolqu programmi li jinvolvu metodoloġiji plurilingwi u interkulturali u sabiex jiġi mfassal kurrikulum li huwa lingwistikament integrat fl-iskejjel Maltin, b’mod speċjali fil-primarja. Esperti fit-tagħlim tal-lingwi f’Malta li jixtiequ jinvolvu ruħhom fl-edukazzjoni plurilingwi u interkulturali ser isibu ħafna benefiċċji fil-QREMP. Din il-biċċa għodda ta’ importanza kbira għandha l-għan li tgħaqqad dawk l-elementi komuni li hemm bejn il-lingwi li l-istudent diġà jaf jew li qiegħed jitħarreġ fihom u tikkumplimenta għodda oħra bħall-Qafas Ewropew ta' Referenza Komuni għall-Ilsna u l-Portafoll Ewropew tal-Lingwi.