A framework of reference for pluralistic approaches

Qafas ta' Referenza għall-Metodoloġiji Plurali (QREMP) għal-Lingwi u l-Kulturi

Daqqa t’għajn lejn il-QREMP

X’inhu? Huwa deskrizzjoni kompluta li timplimenta b’mod konkret il-kompetenzi plurilingwi u interkulturali u r-riżorsi li jistgħu jiġu żviluppati fit-tagħlim grazzi għall-metodoloġiji plurali. Għaldaqstant il-QREMP jikkontribwixxi b’mod sostanzjali biex jintlaħqu l-għanijiet edukattivi maħsuba mill-Kunsill tal-Ewropa f’dak li għandu x’jaqsam mal-lingwi u l-kulturi.

X’inhuma l-metodoloġiji plurali?  Il-metodoloġiji plurali għal-lingwi u l-kulturi huma metodoloġiji didattiċi li jinvolvu l-użu ta’ bosta (jew għallinqas aktar minn waħda) lingwi u kulturi fl-istess ħin waqt il-proċess tat-tagħlim.

Min għandu jkun jaf dwar il-QREMP? L-għalliema tas-suġġetti kollha li għandhom interess fl-edukazzjoni plurilingwi u interkulturali. Dawk li jħarrġu lill-għalliema, dawk li jieħdu deċiżjonijiet fil-kamp tal-edukazzjoni lingwistika, dawk li jfasslu l-kurrikulu u l-programmi skolastiċi kif ukoll kittieba ta’ kotba għat-tagħlim.

Il-QREMP joffri:
• Deskrizzjoni sistematika tal-kompetenzi u r-riżorsi (Tagħrif, Kapaċitajiet u Attitudnijiet) li għandhom jiġu żviluppati fi prospettiva ta’ edukazzjoni plurilingwi u interkulturali
• Database li tipprovdi materjal għat-tagħlim online
• Kitt għat-taħriġ tal-għalliema online

Metodoloġiji plurali għal-lingwi u l-kulturi 

It-terminu metodoloġiji plurilingwi għal-lingwi u l-kulturi jirreferi għall-metodoloġiji didattici li waqt il-proċess tat-tagħlim jinvolvu l-użu ta’ bosta (jew għallinqas aktar minn waħda) lingwi u kulturi fl-istess ħin. Dan jikkuntrasta ma’ metodoloġiji hekk imsejħa ‘singulari’, li fihom il-metodoloġija tat-tagħlim tieħu ħsieb lingwa waħda jew kultura partikulari biss. Metodoloġiji singulari ta’ dan it-tip kienu meqjusa importanti ħafna fiż-żmien meta ġie żviluppat il-metodu strutturali u dak komunikattiv, meta fil-proċess tat-tagħlim kienet projbita kull referenza li kienet issir għall-ewwel lingwa.

It-tagħlim tal-lingwi ra t-twelid ta’ erba’ metodoloġiji plurali li żviluppaw f’dawn l-aħħar tletin sena.

Għarfien tal-ilsna

Bosta proġetti Ewropej taw iċ-ċans lil bosta movimenti tal-għarfien tal-ilsna sabiex jiżviluppaw fuq skala akbar. Dan l-għarfien ġie spjegat kif ġej: “L-għarfien tal-ilsna jintuża biex jiddeskrivi metodoloġiji li fihom xi wħud mill-attivitajiet tat-tagħlim għandhom x’jaqsmu ma’ lingwi li l-iskola ġeneralment mhix beħsiebha tgħallem.” Dan ma jfissirx li l-metodoloġija tieħu ħsieb biss dawn il-lingwi. Il-metodoloġija tieħu ħsieb il-lingwa/i li qed jiġu mgħallma fis-sistema edukattiva u wkoll kull lingwa oħra li tinstab fil-proċess li tiġi mgħallma. Madanakollu, din il-metodoloġija mhijiex limitata għal-lingwi li jiġu mgħallma uffiċjalment biss u tintegra kull xorta ta’ varjetajiet lingwistiċi oħra – mill-ambjent ta’ madwar, mill-familji... u minn kull parti tad-dinja, bla ebda esklużjoni... 

Minħabba li n-numru ta’ lingwi li jiġu studjati mill-istudenti – xi drabi saħansitra tużżana jew aktar - l-għarfien tal-ilsna jista’ jidher bħala l-aktar forma estrema ta’ metodoloġija plurilingwistika. Ġie ppjanat prinċipalment bħala l-mod ta’ kif tintroduċi lit-tfal tal-iskola għad-diversità lingwistika (u d-diversità fil-lingwi użati minnhom stess) fil-bidu tal-edukazzjoni tagħhom ġewwa l-iskola.  Għandu wkoll l-għan li jgħin fid-direzzjoni lejn għarfien akbar tal-ilsna li t-tfal iġibu magħhom flimkien ma’ dawk li jitgħallmu mid-dar. Huwa tip ta’ kors preparatorju, imħejji fl-iskejjel primarji, iżda jista’ jiġi użat ukoll bħala għajnuna għat-tagħlim tal-lingwi tul il-karriera skolastika tal-istudent.

Interkomprensjoni bejn lingwi li jixtiebħu

Fil-metodoloġija hekk imsejħa Interkomprensjoni bejn lingwi li jixtiebħu, l-istudent jaħdem fuq żewġ lingwi jew aktar mill-istess familja lingwistika (Rumanza, Ġermanika, Lingwi Slavi, eċċ) simultanjament. Waħda minn dawn il-lingwi tkun diġà magħrufa, jew għax tkun l-ilsien tal-pajjiż li l-istudent twieled fih, jew għax tkun il-lingwa użata għat-tagħlim fl-iskola, jew ukoll għax tkun lingwa li l-istudent ikun tgħallem qabel. Din il-metodoloġija tiffoka b’mod sistematiku fuq il-kapaċitajiet riċettivi, peress illi l-iżvilupp tal-komprensjoni huwa l-aktar mod tanġibbli sabiex wieħed juża dak li diġà jaf minn lingwa sabiex jitgħallem lingwa oħra li tixbaħha. Ovvjament, dan ma jeskludix li jkun hemm anki benefiċċji fuq il-kapaċitajiet produttivi.

Fit-tieni nofs tas-snin disgħin sar ħafna xogħol innovattiv f’dan il-kamp ma’ studenti adulti (inkluż studenti universitarji), ġewwa Franza u f’pajjiżi oħra fejn huma mitkellma l-lingwi Rumanzi, kif ukoll fil-Ġermanja, f’pajjiżi Skandinavi u f’pajjiżi Slavi. Ħafna minn dan ix-xogħol irċieva appoġġ fuq skala Ewropea permezz tal-programmi tal-Unjoni Ewropea. Xi eżempji ta’ din il-metodoloġija jistgħu jinkisbu mill-materjal prodott għall-metodoloġija għarfien tal-ilsna.  Minkejja dan, ftit li xejn saru żviluppi in ġenerali fuq l-interkomprensjoni bejn lingwi li jixtiebħu fl-iskejjel.

Metodoloġija ta’ didattika integrata

L-għan tal-metodoloġiji didattiċi integrati huwa li jgħinu lill-istudenti sabiex jistabbilixxu konnessjonijiet bejn numru limitat ta’ lingwi li jkunu mgħallma fi ħdan il-kurrikulu skolastiku. Id-didattika integrata timxi fuq il-prinċipju bażiku tal-metodoloġiji plurali.  Dan il-prinċipju jgħid li kemm jista’ jkun għandu jsir użu minn dak li l-istudent diġà jaf sabiex jaċċedi għal dak li għadu ma jafx: il-lingwa tat-tagħlim sabiex ikun hemm aċċess għall-ewwel lingwa barranija li tista’ mbagħad tiġi użata sabiex tiffaċilita t-tagħlim tat-tieni lingwa barranija eċċ. Din il-metodoloġija però ma tittraskurax l-ewwel lingwi li l-istudenti tgħallmu mid-dar, speċjalment jekk dawn jiġu mgħallma b’mod espliċitu. Għaldaqstant, wieħed jista’ jkollu żewġ (jew anki tlieta jew erba’) lingwi li jkun qed jaħdem fuqhom simultanjament.

Din kienet il-metodoloġija użata sa mill-bidu tas-snin tmenin fix-xogħol ta’ E. Roulet. Hija wkoll id-direzzjoni li ttieħdet minn bosta proġetti li esploraw l-idea tal-Ġermaniż wara l-Ingliż meta dawn jiġu mgħallma bħala żewġ lingwi barranin (cf. l-istudji dwar it-tagħlim tal-lingwi terzjarji). Studji oħra jinvestigaw metodi kif tista’ ssir konnessjoni bejn il-lingwa tat-tagħlim u lingwi oħrajn li jiġu mgħallma b’mod integrat. Din tinstab ukoll f’ċerti metodoloġiji ta’ tagħlim li jintużaw fl-edukazzjoni bilingwi,li jfittxu li jgħinu lill-istudenti jgħarrfu x-xebh u d-differenzi li hemm bejn il-lingwi użati minkejja s-suġġett mgħallem.

Metodoloġija interkulturali

Din il-metodoloġija interkulturali diġà ħalliet influwenza kbira fuq il-mod li bih jiġu mgħallma l-lingwi, u għaldaqstant hija pjuttost magħrufa.

Il-varjanti tagħha huma kollha bbażati fuq prinċipji didattiċi.  Dawn il-prinċipji jipproponu li għandhom jintużaw fenomeni li jappartjenu lil waħda jew aktar kulturi sabiex tqarreb lejn fenomeni ta’ kultura oħra. Dawn il-varjanti jippromwovu wkoll l-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ riflessjoni dwar sitwazzjonijiet fejn ikun hemm kuntatt bejn nies li ġejjin minn kulturi differenti.

Għaliex kompetenzi u riżorsi?

B’kompetenzi nifhmu:

  • kompetenzi li huma marbuta ma’ sitwazzjonijiet, ma’ xogħlijiet kumplessi li għandhom relevanza soċjali; b’dan il-mod għandhom funzjoni soċjali;
  • unitajiet li għandhom ċertu livell ta’ kumplessità;
  • kompetenzi li jeħtieġu riżorsi interni differenti (ġeneralment taħlita ta’ tagħrif, attitudnijiet u kapaċitajiet) u riżorsi esterni (dizzjunarji, medjaturi, eċċ.)

Id-deskritturi li nsibu ġewwa il-QREMP kompetenzi u riżorsi jikkonċernaw essenzjalment żewġ tipi ta’ kompetenzi:

  1. dik li timmaniġġa komunikazzjoni lingwistika u kulturali f’kuntest li huwa differenti minn tiegħek
  2. dik li tibni u tiżviluppa repertoire ta’ lingwi u kulturi differenti

Il-QREMP tagħraf ir-riżorsi li huma miġbura flimkien grazzi għal dawn il-kompetenzi. Dawn ir-riżorsi jiġu preżentati f’forma ta’ deskritturi.

Riżorsi (tagħrif, attitudnijiet u kapaċitajiet):

Ġeneralment nużaw it-terminu riżorsi biex nirreferu għal riżorsi interni.

Ir-riżorsi interni (kif ukoll ir-riżorsi esterni imma mhux il-kompetenzi) jistgħu jiġu mgħallma b’ taħriġ jew b’sitwazzjonijiet li huma almenu parzjalment dikontestwalizzati.

Il-kompetenzi huma marbuta mas-settur tal-użu/bżonn fis-soċjetà, filwaqt li r-riżorsi aktar huma marbuta mas-settur tal-psikoloġija konoxxittiva (u tal-iżvilupp). Għaldaqstant, il-kompetenzi għandhom rwol important ħafna meta wieħed ikun qiegħed jaħdem fuq biċċa xogħol.

Madanakollu, huma r-riżorsi li wieħed jista’- sa ċertu punt - jiddistingwi u jniżżel f’lista, fejn jiġu spjegati f’termini ta’ tħaddim fil-prattika edukattiva.

Aċċess għal-listi u d-deskritturi tal-QREMP

Id-deskritturi huma aċċessibbli b’modi differenti u f’lingwi differenti:

  • Fuq dan is-sit elettroniku f’arranġament diġitali speċjali li jagħmel l-esplorazzjoni viżwali aktar faċli. Tista’ tarahom bl-Ingliż (agħfas fuq Descriptors aktar ’l fuq f’din il-paġna), bil-Franċiż (Descripteurs) jew bil-Ġermaniż (Deskriptoren)
  • Bħala parti mid-dokument Il-QREMP - kompetenzi u riżorsi. 
    Ara taħt Components (Ingliż) / Éléments (Franċiż) / Instrumente (Ġermaniż) aktar ’l fuq f’din il-paġna.
  • Fuq l-internet fid-dokument Il-QREMP – Tabelli bid-deskritturi għall-kurrikulu, b’rappreżentazzjoni grafika addizzjonali li tpoġġi kull element tat-tabella fil-kurrikulu tal-istudent.
    Ara taħt Components (Ingliż) / Éléments (Franċiż) / Instrumente (Ġermaniż) aktar ’l fuq f’din il-paġna.

Id-Database

Id-database QREMP - Materjali fuq l-Internet għat-Tagħlim, toffri attivitajiet għat-tagħlim li jaqgħu taħt l-għan ta’ metodoloġiji plurali għal-lingwi u l-kulturi.

L-iskop ta’ din il-kollezzjoni ta’ materjali, liema materjali huma mdaħħlin f’lingwi differenti, huwa sabiex jiġi mħaffef l-aċċess għall-attivitajiet ġewwa l-klassi u b’hekk l-istudenti jkunu megħjuna aktar sabiex jiksbu l-għarfien, il-kapaċitajiet u l-attitudni li l-qafas iniżżel bħala riżorsi u li jistgħu jkunu żviluppati permezz tal-metodoloġiji plurali.

Id- database tista’ tiġi kkonsultata bl-Ingliż (agħfas fuq Teaching Materials fuq nett ta’ din il-paġna) jew bil-Franċiż (agħfas fuq Matériaux didactiques)

Aktar eżempji tal-materjal bil-Malti għandek issibhom hawn taħt.

Il-kitt għat-taħriġ online

Il-kitt għat-taħriġ online huwa aċċessibbli għall-għalliema (u dawk li jħarrġuhom) li jixtiequ jsiru jafu aktar dwar il-metodoloġiji plurali u l-użu tal-materjal tal-QREMP. Il-materjal jista’ jiġi użat waqt is-sezzjonijiet ta’ taħriġ jew għat-tħejjija tagħhom.

Il-kitt għat-taħriġ jikkonsisti f’erba’ moduli:

0. Il-modulu ta’ skoperta

L-għan ta’ dan il-modulu huwa li jagħti ċ-ċans lill-parteċipanti li jagħmlu attività daqslikieku kienu l-istudenti nfushom. B’hekk jiskopru l-metodoloġiji plurali, il-konnessjoni tagħhom man-nozzjoni ta’ kompetenzi plurilingwi u plurikulturali kif ukoll l-għodod suġġeriti mill-QREMP.

1. Il-QREMP u l-politika tat-tagħlim tal-lingwi

Dan il-modulu jagħti l-opportunità lill-esperti fil-qasam tal-lingwi li jpoġġu l-QREMP fil-kuntest tat-tagħlim tal-lingwi fl-iskola llum, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-għanijiet edukattivi li jridu jintlaħqu.

2. Qed insib diffikultà fil-mod kif ngħallem... Il-QREMP kif jista’ jgħinni?

Dan il-modulu joffri għajnuna lill-għalliema fl-użu konkret tal-QREMP kif ukoll tal-metodoloġiji plurilingwi minħabba ċertu diffikultajiet fit-tagħlim u problemi pedagoġiċi li l-għalliema x’aktarx jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum fuq xogħolhom.

3. Nixtieq li jien u l-istudenti tiegħi nieħdu sehem fi proġett... Il-QREMP kif jista’ jgħinni?

Dan il-modulu jgħin lill-għalliema fl-użu tal-qafas u l-metodoloġiji plurali fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ proġetti fil-klassi jew fl-iskola li jinvolvu lingwi u kulturi oħra. 

Il-kitt għat-taħriġ online huwa aċċessibbli bl-Ingliż (agħfas fuq il-buttuna Teaching materials aktar ’l fuq f’din il-paġna) jew bil-Franċiż (agħfas fuq il-buttuna Matériaux didactiques).