en  fr  de

FREPA in Malta

This country page offers an overview about developments in Malta and documents available in Maltese.

Informations and materials in ENGLISH

Metodoloġiji plurali għal-lingwi u l-kulturi 

It-terminu metodoloġiji plurilingwi għal-lingwi u l-kulturi jirreferi għall-metodoloġiji didattici li waqt il-proċess tat-tagħlim jinvolvu l-użu ta’ bosta (jew għallinqas aktar minn waħda) lingwi u kulturi fl-istess ħin. Dan jikkuntrasta ma’ metodoloġiji hekk imsejħa ‘singulari’, li fihom il-metodoloġija tat-tagħlim tieħu ħsieb lingwa waħda jew kultura partikulari biss. Metodoloġiji singulari ta’ dan it-tip kienu meqjusa importanti ħafna fiż-żmien meta ġie żviluppat il-metodu strutturali u dak komunikattiv, meta fil-proċess tat-tagħlim kienet projbita kull referenza li kienet issir għall-ewwel lingwa.

It-tagħlim tal-lingwi ra t-twelid ta’ erba’ metodoloġiji plurali li żviluppaw f’dawn l-aħħar tletin sena.

Għarfien tal-ilsna

Bosta proġetti Ewropej taw iċ-ċans lil bosta movimenti tal-għarfien tal-ilsna sabiex jiżviluppaw fuq skala akbar. Dan l-għarfien ġie spjegat kif ġej: “L-għarfien tal-ilsna jintuża biex jiddeskrivi metodoloġiji li fihom xi wħud mill-attivitajiet tat-tagħlim għandhom x’jaqsmu ma’ lingwi li l-iskola ġeneralment mhix beħsiebha tgħallem.” Dan ma jfissirx li l-metodoloġija tieħu ħsieb biss dawn il-lingwi. Il-metodoloġija tieħu ħsieb il-lingwa/i li qed jiġu mgħallma fis-sistema edukattiva u wkoll kull lingwa oħra li tinstab fil-proċess li tiġi mgħallma. Madanakollu, din il-metodoloġija mhijiex limitata għal-lingwi li jiġu mgħallma uffiċjalment biss u tintegra kull xorta ta’ varjetajiet lingwistiċi oħra – mill-ambjent ta’ madwar, mill-familji... u minn kull parti tad-dinja, bla ebda esklużjoni... 

Minħabba li n-numru ta’ lingwi li jiġu studjati mill-istudenti – xi drabi saħansitra tużżana jew aktar - l-għarfien tal-ilsna jista’ jidher bħala l-aktar forma estrema ta’ metodoloġija plurilingwistika. Ġie ppjanat prinċipalment bħala l-mod ta’ kif tintroduċi lit-tfal tal-iskola għad-diversità lingwistika (u d-diversità fil-lingwi użati minnhom stess) fil-bidu tal-edukazzjoni tagħhom ġewwa l-iskola.  Għandu wkoll l-għan li jgħin fid-direzzjoni lejn għarfien akbar tal-ilsna li t-tfal iġibu magħhom flimkien ma’ dawk li jitgħallmu mid-dar. Huwa tip ta’ kors preparatorju, imħejji fl-iskejjel primarji, iżda jista’ jiġi użat ukoll bħala għajnuna għat-tagħlim tal-lingwi tul il-karriera skolastika tal-istudent.

Interkomprensjoni bejn lingwi li jixtiebħu

Fil-metodoloġija hekk imsejħa Interkomprensjoni bejn lingwi li jixtiebħu, l-istudent jaħdem fuq żewġ lingwi jew aktar mill-istess familja lingwistika (Rumanza, Ġermanika, Lingwi Slavi, eċċ) simultanjament. Waħda minn dawn il-lingwi tkun diġà magħrufa, jew għax tkun l-ilsien tal-pajjiż li l-istudent twieled fih, jew għax tkun il-lingwa użata għat-tagħlim fl-iskola, jew ukoll għax tkun lingwa li l-istudent ikun tgħallem qabel. Din il-metodoloġija tiffoka b’mod sistematiku fuq il-kapaċitajiet riċettivi, peress illi l-iżvilupp tal-komprensjoni huwa l-aktar mod tanġibbli sabiex wieħed juża dak li diġà jaf minn lingwa sabiex jitgħallem lingwa oħra li tixbaħha. Ovvjament, dan ma jeskludix li jkun hemm anki benefiċċji fuq il-kapaċitajiet produttivi.

Fit-tieni nofs tas-snin disgħin sar ħafna xogħol innovattiv f’dan il-kamp ma’ studenti adulti (inkluż studenti universitarji), ġewwa Franza u f’pajjiżi oħra fejn huma mitkellma l-lingwi Rumanzi, kif ukoll fil-Ġermanja, f’pajjiżi Skandinavi u f’pajjiżi Slavi. Ħafna minn dan ix-xogħol irċieva appoġġ fuq skala Ewropea permezz tal-programmi tal-Unjoni Ewropea. Xi eżempji ta’ din il-metodoloġija jistgħu jinkisbu mill-materjal prodott għall-metodoloġija għarfien tal-ilsna.  Minkejja dan, ftit li xejn saru żviluppi in ġenerali fuq l-interkomprensjoni bejn lingwi li jixtiebħu fl-iskejjel.

Metodoloġija ta’ didattika integrata 

L-għan tal-metodoloġiji didattiċi integrati huwa li jgħinu lill-istudenti sabiex jistabbilixxu konnessjonijiet bejn numru limitat ta’ lingwi li jkunu mgħallma fi ħdan il-kurrikulu skolastiku. Id-didattika integrata timxi fuq il-prinċipju bażiku tal-metodoloġiji plurali.  Dan il-prinċipju jgħid li kemm jista’ jkun għandu jsir użu minn dak li l-istudent diġà jaf sabiex jaċċedi għal dak li għadu ma jafx: il-lingwa tat-tagħlim sabiex ikun hemm aċċess għall-ewwel lingwa barranija li tista’ mbagħad tiġi użata sabiex tiffaċilita t-tagħlim tat-tieni lingwa barranija eċċ. Din il-metodoloġija però ma tittraskurax l-ewwel lingwi li l-istudenti tgħallmu mid-dar, speċjalment jekk dawn jiġu mgħallma b’mod espliċitu. Għaldaqstant, wieħed jista’ jkollu żewġ (jew anki tlieta jew erba’) lingwi li jkun qed jaħdem fuqhom simultanjament.

Din kienet il-metodoloġija użata sa mill-bidu tas-snin tmenin fix-xogħol ta’ E. Roulet. Hija wkoll id-direzzjoni li ttieħdet minn bosta proġetti li esploraw l-idea tal-Ġermaniż wara l-Ingliż meta dawn jiġu mgħallma bħala żewġ lingwi barranin (cf. l-istudji dwar it-tagħlim tal-lingwi terzjarji). Studji oħra jinvestigaw metodi kif tista’ ssir konnessjoni bejn il-lingwa tat-tagħlim u lingwi oħrajn li jiġu mgħallma b’mod integrat. Din tinstab ukoll f’ċerti metodoloġiji ta’ tagħlim li jintużaw fl-edukazzjoni bilingwi,li jfittxu li jgħinu lill-istudenti jgħarrfu x-xebh u d-differenzi li hemm bejn il-lingwi użati minkejja s-suġġett mgħallem.

Metodoloġija interkulturali

Din il-metodoloġija interkulturali diġà ħalliet influwenza kbira fuq il-mod li bih jiġu mgħallma l-lingwi, u għaldaqstant hija pjuttost magħrufa.

Il-varjanti tagħha huma kollha bbażati fuq prinċipji didattiċi.  Dawn il-prinċipji jipproponu li għandhom jintużaw fenomeni li jappartjenu lil waħda jew aktar kulturi sabiex tqarreb lejn fenomeni ta’ kultura oħra. Dawn il-varjanti jippromwovu wkoll l-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ riflessjoni dwar sitwazzjonijiet fejn ikun hemm kuntatt bejn nies li ġejjin minn kulturi differenti.